<?xml version="1.0" encoding="UTF-8" standalone="no"?><SDOCTA xmlns:xsi="http://www.w3.org/2001/XMLSchema-instance" STATUS="DEF1" xsi:noNamespaceSchemaLocation="TA.xsd"><IDENT><STRING BOLD="on">P10_TA(2026)0053</STRING></IDENT><TI><STRING BOLD="on">Is-sitwazzjoni fil-Grigal tas-Sirja, il-vjolenza kontra ċ-ċivili u l-ħtieġa li jinżamm waqfien mill-ġlied sostenibbli</STRING></TI><HIDDEN><STRING HIDDEN="on" ITALIC="on">(B10-0114, 0115, 0136, 0137, 0138 u 0139/2026)</STRING></HIDDEN><TXTLST><RESOL><TI><STRING BOLD="on">Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Frar 2026 dwar is-sitwazzjoni fil-Grigal tas-Sirja, il-vjolenza kontra ċ-ċivili u l-ħtieġa li jinżamm waqfien mill-ġlied sostenibbli (2026/2602(RSP))</STRING></TI><TEXT><PREAMBLE><PRINIT><STRING ITALIC="on">Il-Parlament Ewropew,</STRING></PRINIT><GRVISA><VISA>
<NO.P>–</NO.P>wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,
</VISA><VISA>
<NO.P>–</NO.P>wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-18 ta’ Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja,
</VISA><VISA>
<NO.P>–</NO.P>wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,
</VISA><VISA>
<NO.P>–</NO.P>wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja,
</VISA><VISA>
<NO.P>–</NO.P>wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
</VISA></GRVISA><GRCONS><CONS>
<NO.P>A.</NO.P>billi tifqigħat ripetuti ta’ vjolenza f’partijiet differenti tas-Sirja, tentattivi ta’ destabbilizzazzjoni minn partiġġjani ta’ Bashar al-Assad, kif ukoll mill-forzi tad-Da’esh, u għadd globali għoli ta’ armi fiċ-ċirkolazzjoni, joħolqu sitwazzjoni ta’ sigurtà frammentata u volatili fil-pajjiż, li tista’ timmina l-prospetti għal tranżizzjoni politika stabbli, inklużiva u mmexxija mis-Sirjani; billi filwaqt li l-Iran u r-Russja għandhom influwenza mnaqqsa fuq is-sitwazzjoni attwali, atturi oħra, bħal Iżrael u t-Turkija, għadhom qed jużaw lis-Sirja bħala arena għar-rivalitajiet indiretti tagħhom;
</CONS><CONS>
<NO.P>B.</NO.P>billi l-aġenda tal-awtoritajiet Sirjani biex jiċċentralizzaw il-pajjiż ma tikkorrispondix mal-awtonomija li żviluppat fil-Grigal tas-Sirja; billi l-awtoritajiet Sirjani wettqu negozjati politiċi b’mod parallel ma’ azzjonijiet militari biex jilħqu l-objettivi tagħhom; billi l-operazzjonijiet militari li jaffettwaw il-Grigal tas-Sirja seħħew bl-involviment, l-appoġġ jew l-aċċettazzjoni diretti jew indiretti ta’ atturi esterni, inkluża t-Turkija; billi fis-6 ta’ Jannar 2026, l-awtoritajiet Sirjani nedew offensiva f’Aleppo u fiż-żona tal-madwar, li rriżultat f’vittmi u l-ispostament ta’ 148 000 persuna ċivili, ħsara lill-infrastruttura u deterjorament ulterjuri tal-kundizzjonijiet umanitarji; billi din l-offensiva aktar tard ġiet estiża għall-provinċji ta’ Raqqa, Al-Hasakah u Deir Ezzor fil-Grigal tas-Sirja, u b’mod partikolari għar-reġjun madwar Kobani u Qamishli, u poġġiet lill-Grigal tas-Sirja taħt pressjoni severa b’konsegwenzi diretti għas-sikurezza ċivili, is-sitwazzjoni umanitarja u l-istabbiltà reġjonali;
</CONS><CONS>
<NO.P>C.</NO.P>billi l-Forzi Demokratiċi Sirjani (SDF) jakkużaw lill-forzi tal-gvern Sirjani li ħatfu l-bjar taż-żejt u d-Diga ta’ Tabqa u li bbumbardjaw qrib id-Diga ta’ Tishreen; billi l-forzi tal-gvern jakkużaw lill-Forzi Demokratiċi Sirjani li qed jużaw il-bini ċivili bħala bersalli, inkluż l-Isptar Khaled Fajr f’Aleppo, u li huma responsabbli għall-interruzzjonijiet fil-provvista tal-ilma; billi, qabel ma ngħeleb, id-Da’esh kien diġà responsabbli għall-qerda kbira fir-reġjun;
</CONS><CONS>
<NO.P>D.</NO.P>billi għexieren ta’ ċivili nqatlu fil-ġlied reċenti bejn l-Armata Sirjana, il-milizzji affiljati tagħhom u l-Forzi Demokratiċi Sirjani; billi dan il-ġlied kellu konsegwenzi umanitarji severi għall-popolazzjoni milquta fil-Grigal tas-Sirja minħabba attakki ripetuti fuq infrastruttura ċivili essenzjali, inklużi faċilitajiet tal-ilma, grilji tal-elettriku u servizzi tal-kura tas-saħħa, u ħalla madwar 400 000 persuna mingħajr elettriku, ilma, ikel u kura medika, u poġġa aktar minn 250 000 persuna f’riskju fil-belt b’maġġoranza Kurda ta’ Kobani biss; billi skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-NU, aktar minn 170 000 persuna huma spostati internament fil-provinċji ta’ Aleppo, Al-Hasakah u Raqqa, inklużi konċentrazzjonijiet kbar f’Qamishli u Al-Malikiyyeh; billi dan l-ispostament massiv ipoġġi piż sproporzjonat fuq il-komunitajiet ospitanti u s-servizzi pubbliċi; billi l-popolazzjoni spostata hija fil-biċċa l-kbira magħmula minn nisa, bniet u subien, li huma esposti b’mod sproporzjonat għal riskji għall-protezzjoni;
</CONS><CONS>
<NO.P>E.</NO.P>billi l-kundizzjonijiet tax-xitwa komplew jaggravaw it-tbatija, u dan ifisser li n-nies huma fi bżonn akbar ta’ kenn reżistenti għat-temp, sostenn alimentari, aċċess għal ilma sikur, u servizzi tal-kura tas-saħħa u ta’ protezzjoni, b’mod partikolari t-tfal u gruppi vulnerabbli oħra; billi l-infrastruttura li saritilha ħsara kbira, il-preżenza ta’ perikli ta’ splużjonijiet u t-tħassib kontinwu dwar is-sigurtà għadhom jillimitaw l-aċċess umanitarju; billi l-ftuħ reċenti ta’ żewġ kurituri umanitarji jiffaċilita l-moviment ta’ assistenza umanitarja u ċivili fiż-żoni affettwati;
</CONS><CONS>
<NO.P>F.</NO.P>billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali ddokumentaw qtil illegali, il-profanazzjoni ta’ iġsma u oqbra, għajbien furzat, detenzjoni arbitrarja u l-imblokkar tal-aċċess umanitarju matul il-ġlied, li potenzjalment jammontaw għal ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi l-komunità Kurda b’mod partikolari, u fi ħdanha n-nisa, it-tfal u gruppi vulnerabbli oħra, ġew affettwati b’mod sproporzjonat; billi d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, il-mexxejja nisa tal-komunità u l-ġellieda nisa ffaċċjaw riskji akbar ta’ theddid, ħtif, trattament ħażin u vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi dawn l-atti jridu jiġu investigati fil-pront, b’mod indipendenti u b’mod effettiv;
</CONS><CONS>
<NO.P>G.</NO.P>billi l-Istati Uniti, Franza u l-awtoritajiet tar-reġjun awtonomu tal-Kurdistan Iraqin kellhom rwol diplomatiku importanti f’tentattivi suċċessivi biex jiffaċilitaw id-djalogu u jilħqu ftehimiet bejn Damasku u l-Forzi Demokratiċi Sirjani, bl-għan li jipprevjenu l-eskalazzjoni u jippreservaw l-istabbiltà fil-Grigal tas-Sirja;
</CONS><CONS>
<NO.P>H.</NO.P>billi fis-16 ta’ Jannar 2026, il-President al-Sharaa ħareġ id-Digriet Nru 13, li jagħti ċ-ċittadinanza Sirjana lir-residenti ta’ oriġini Kurda, inklużi dawk li huma apolidi, li huwa l-ewwel rikonoxximent formali tad-drittijiet nazzjonali Kurdi minn meta s-Sirja saret indipendenti fl-1946; billi d-digriet għandu l-għan li jiżgura drittijiet u dmirijiet ugwali, jirrikonoxxi l-lingwa Kurda bħala lingwa nazzjonali u jipprojbixxi d-diskriminazzjoni jew l-inċitament għal raġunijiet etniċi jew lingwistiċi;
</CONS><CONS>
<NO.P>I.</NO.P>billi fit-30 ta’ Jannar 2026 tħabbar ftehim bejn l-awtoritajiet Sirjani u l-alleanza tal-milizzja tal-Forzi Demokratiċi Sirjani; billi l-ftehim għandu l-għan li jistabbilizza l-waqfien mill-ġlied fraġli, u jintegra gradwalment il-forzi militari u tas-sigurtà interna tal-Forzi Demokratiċi Sirjani fil-Ministeru għad-Difiża u l-Ministeru għall-Intern tranżizzjonali, inkluż l-irtirar mil-linji ta’ quddiem, u jiggarantixxi drittijiet ċivili u edukattivi għall-komunitajiet Kurdi; billi skont dan il-ftehim, il-kontroll tal-ħabsijiet, kif ukoll tas-siti tat-tħaffir għaż-żejt u għall-gass, se jiġi ttrasferit mill-Forzi Demokratiċi Sirjani lill-Gvern Sirjan;
</CONS><CONS>
<NO.P>J.</NO.P>billi l-komunità internazzjonali fil-biċċa l-kbira esternalizzat f’idejn l-awtoritajiet immexxija mill-Kurdi r-responsabbiltà li jgħassu lid-detenuti Da’esh u l-kampijiet relatati, mingħajr ma stabbiliet qafas internazzjonali sostenibbli jew pjanijiet ta’ kontinġenza; billi l-ġellieda Kurdi, inklużi l-kumbattenti nisa, kellhom rwol deċiżiv rikonoxxut internazzjonalment, f’alleanza mal-Koalizzjoni Globali kontra d-Da’esh, u b’hekk ikkontribwew direttament għas-sigurtà tar-reġjun, tal-Ewropa u tal-komunità internazzjonali; billi l-instabbiltà fil-Grigal tas-Sirja timmina serjament il-ġlieda kontra d-Da’esh; billi l-ġlied reċenti ħoloq l-inċertezza, u ppermetta lil mijiet ta’ detenuti Da’esh jaħarbu; billi l-għadd eżatt tal-persuni li ħarbu għadu mhux ċar; billi xi wħud minnhom biss reġgħu nqabdu aktar tard; billi l-faċilitajiet ta’ detenzjoni bħalissa huma mgħassa jew mill-awtoritajiet Sirjani jew mill-Forzi Demokratiċi Sirjani; billi tali sitwazzjoni mċajpra toħloq riskju għas-sigurtà tas-Sirja, tar-reġjun u tal-Ewropa; billi t-trasferiment gradwali tad-detenuti Da’esh lejn l-Iraq jisposta biss il-problema, li ma għandha l-ebda prospett ta’ soluzzjoni sostenibbli u ddaħħal lill-Ewropa f’forom ġodda ta’ dipendenza fuq il-kapaċitajiet u r-rieda politika ta’ pajjiżi terzi; billi fost id-detenuti għad hemm ċittadini tal-UE; billi anki s-sitwazzjoni tan-nisa u t-tfal fil-kampijiet ta’ al-Hol u al-Roj għadha mhux solvuta, fost ambjent tas-sigurtà li qed jiddeterjora u bi ħtiġijiet umanitarji li għadhom akuti; billi l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti ddikjarat l-intenzjoni tagħha li ttemm l-Operazzjoni Inherent Resolve u li tirtira t-truppi tal-Istati Uniti li qed jiġġieldu kontra d-Da’esh fl-Iraq u fis-Sirja;
</CONS><CONS>
<NO.P>K.</NO.P>billi fil-Grigal tas-Sirja, il-komunitajiet Kurdi u Għarab jikkoeżistu u t-tnejn li huma ilhom snin esposti għal vjolenza, nuqqas ta’ sigurtà, spostament furzat u ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom minħabba l-atroċitajiet imwettqa mid-Da’esh; billi d-Da’esh hedded mhux biss lill-popolazzjoni Kurda iżda wkoll lill-Yazidi, li sfaw vittmi ta’ ġenoċidju; billi n-nisa ġew affettwati wkoll b’mod sproporzjonat u b’mod partikolarment odjuż;
</CONS><CONS>
<NO.P>L.</NO.P>billi l-UE tibqa’ waħda mill-akbar donaturi umanitarji lill-popolazzjoni Sirjana u hija lesta li tappoġġja l-isforzi ta’ rkupru bikri, rikostruzzjoni u bini tal-istat b’mod gradwali, kundizzjonali u riversibbli, filwaqt li taderixxi għall-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; billi f’Jannar 2026, il-presidenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill Ewropew żaru s-Sirja u ħabbru sħubija politika ġdida bil-ħsieb li jappoġġjaw tranżizzjoni paċifika u inklużiva u rikonċiljazzjoni fis-Sirja, flimkien ma’ pakkett komprensiv ta’ appoġġ finanzjarju ta’ madwar EUR 620 miljun għall-2026 u l-2027; billi, minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Kummissjoni ħabbret il-mobilizzazzjoni ta’ EUR 150 miljun mir-riżerva finanzjarja tal-UE għas-Sirja għas-sentejn li ġejjin biex tappoġġja t-tranżizzjoni politika, l-irkupru soċjoekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-bini tal-kapaċitajiet;
</CONS><CONS>
<NO.P>M.</NO.P>billi l-UE ħadet passi sinifikanti biex ittaffi r-restrizzjonijiet ekonomiċi fuq is-Sirja, inkluż is-sospensjoni jew it-tneħħija ta’ ċerti sanzjonijiet li jolqtu setturi ekonomiċi ewlenin;
</CONS><CONS>
<NO.P>N.</NO.P>billi kwalunkwe assistenza tal-UE għall-iżvilupp, ir-rikostruzzjoni jew l-istabbilizzazzjoni trid tingħata bil-kundizzjoni stretta li jsir progress tanġibbli u verifikabbli fil-qasam tal-protezzjoni taċ-ċivili, ir-rispett għall-arranġamenti tal-waqfien mill-ġlied, id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-komponenti kollha tas-soċjetà Sirjana;
</CONS></GRCONS></PREAMBLE><DISPOSITIF><ACTLST><ACTION>
<NO.P>1.</NO.P>Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta’ vjolenza kontra ċ-ċivili, inklużi l-qtil extraġudizzjarju, l-għajbien furzat, id-detenzjoni arbitrarja, l-ispostament furzat u l-ħsara lill-infrastruttura ċivili; jisħaq li tali atti jistgħu jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali u, f’ċerti ċirkostanzi, delitti tal-gwerra; jinsab imħasseb minħabba rapporti kredibbli, min-NU, organizzazzjonijiet mhux governattivi internazzjonali u organizzazzjonijiet umanitarji, li dawn l-aħħar ġimgħat twettaq ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari kontra l-popolazzjoni Kurda, inklużi diversi inċidenti ta’ profanazzjoni ta’ katavri, kemm irġiel kif ukoll nisa, vandaliżmu tal-postijiet tad-dfin u l-użu rrapportat ta’ munizzjon mhux iggwidat f’żoni ċivili; jitlob li ssir investigazzjoni rapida dwar ir-reati rrapportati kontra ċ-ċivili mwettqa kemm mill-forzi tal-gvern kif ukoll mill-milizzji; jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jipprovdu aċċess sħiħ u trasparenti lill-korpi rilevanti kollha tan-NU, inkluża l-Kummissjoni ta’ Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tan-NU;
</ACTION><ACTION>
<NO.P>2.</NO.P>Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora fil-Grigal tas-Sirja, f’żoni urbani fejn il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni hija Kurda, inklużi Kobani, Manbij u Qamishli, li esperjenzaw interruzzjonijiet ripetuti fis-servizzi essenzjali u ħsara fl-infrastruttura ċivili kif ukoll spostament tal-massa, insigurtà tal-ikel u aċċess limitat għall-kura tas-saħħa, l-ilma u s-sanità; jenfasizza s-sitwazzjoni f’Kobani, li jinsab taħt assedju u fejn iċ-ċivili qed jgħaddu minn tbatija; jappella għal kurituri umanitarji permanenti u sikuri għaż-żoni assedjati u affettwati kollha tal-Grigal tas-Sirja, inkluż Kobani; jitlob li l-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali tas-soċjetà ċivili jingħataw aċċess indiskriminat għaż-żoni fil-bżonn; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-assistenza umanitarja u l-appoġġ psikosoċjali għar-reġjuni milquta, inkluż għan-nisa u l-bniet, kif ukoll il-protezzjoni għad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mmexxija min-nisa fis-Sirja kollha;
</ACTION><ACTION>
<NO.P>3.</NO.P>Jilqa’ l-ftehim reċenti bejn il-Forzi Demokratiċi Sirjani u l-gvern tranżizzjonali Sirjan; jafferma mill-ġdid l-appoġġ kontinwu u sod tiegħu għall-waqfien mill-ġlied u r-rikonoxximent tad-drittijiet ċivili u edukattivi tal-Kurdi; jistieden lill-partijiet kollha joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista’ twassal għal eskalazzjoni ġdida tal-vjolenza, jirrispettaw l-arranġamenti eżistenti tal-waqfien mill-ġlied, u jappoġġjaw il-mekkaniżmi mmirati għall-monitoraġġ u s-sostenn tal-impenji ta’ waqfien mill-ġlied;
</ACTION><ACTION>
<NO.P>4.</NO.P>Jistieden lill-atturi reġjonali kollha, inkluża t-Turkija, joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni militari jew appoġġ għall-gruppi armati li jirriskjaw li jimminaw il-waqfien mill-ġlied, il-protezzjoni taċ-ċivili u l-prospetti għal soluzzjoni inklużiva; jiddenunzja l-interventi militari u l-aggressjoni kontinwi tat-Turkija fil-Grigal tas-Sirja, inklużi attakki fatali fuq iċ-ċivili u l-infrastruttura ċivili fi bliet u provinċji b’maġġoranza Kurda tul il-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi; iħeġġeġ lill-Gvern Tork iwaqqaf minnufih l-involviment militari tiegħu fil-Grigal tas-Sirja u jiffaċilita n-negozjati favur soluzzjoni paċifika bejn il-gvern tranżizzjonali Sirjan u l-Forzi Demokratiċi Sirjani; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jindirizzaw l-involviment tat-Turkija fis-Sirja fi skambji bilaterali mal-Gvern Tork; jisħaq li kwalunkwe arranġament tas-sigurtà jrid jikkonforma mad-dritt internazzjonali u jirrispetta l-integrità territorjali tas-Sirja, u ma jridx jirriżulta fi spostament furzat jew f’inġinerija demografika;
</ACTION><ACTION>
<NO.P>5.</NO.P>Itenni li l-istabbiltà fil-Grigal tas-Sirja hija ta’ rilevanza assoluta għas-suċċess ta’ tranżizzjoni politika komprensiva, inklużiva u ġusta fis-Sirja; jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jiżguraw il-protezzjoni u d-drittijiet fundamentali tal-komunitajiet etniċi u reliġjużi tas-Sirja, inklużi l-Għarab, il-Kurdi, is-Sunniti, ix-Xiiti, l-Alawiti, l-Insara, id-Drużi u l-Yazidi; jinsisti li l-protezzjoni tad-diversità etnika u reliġjuża tas-Sirja, inklużi r-rikonoxximent sħiħ tal-komunità Kurda, il-parteċipazzjoni politika tagħha u d-drittijiet ugwali tagħha, hija essenzjali biex tissalvagwardja l-paċi ċivili u tiżgura Sirja stabbli u inklużiva; jistieden lill-gvern tranżizzjonali Sirjan idaħħal dawn id-drittijiet fil-Kostituzzjoni Sirjana, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju ewlieni tal-integrità territorjali tas-Sirja;
</ACTION><ACTION>
<NO.P>6.</NO.P>Jiddeplora l-fatt li l-komunità internazzjonali kienet fil-biċċa l-kbira ddelegat lill-awtoritajiet immexxija mill-Kurdi r-responsabbiltà għas-sigurtà tad-detenuti Da’esh u l-kampijiet relatati mingħajr ma pprovdiet garanziji politiċi, finanzjarji u tas-sigurtà adegwati jew ippjanar ta’ kontinġenza; iwissi dwar il-prospett negattiv fil-qasam tas-sigurtà li ġġib magħha l-inċertezza rigward ir-responsabbiltà amministrattiva futura għaċ-ċentri u l-kampijiet ta’ detenzjoni;
</ACTION><ACTION>
<NO.P>7.</NO.P>Jesprimi tħassib serju, b’mod partikolari, dwar ir-riskju maħluq mill-għadd sinifikanti ta’ ġellieda u affiljati tad-Da’esh li ħarbu mill-faċilitajiet u l-kampijiet ta’ detenzjoni fil-Grigal tas-Sirja; iwissi li l-ispostament gradwali tal-problema tad-detenuti Da’esh lejn l-Iraq jirriskja li joħloq forom ġodda ta’ inċertezza u dipendenza mill-kapaċitajiet u r-rieda politika ta’ pajjiżi terzi; jisħaq, barra minn hekk, li kwalunkwe trasferiment jew rilaxx ta’ ġellieda u suspettati Da’esh adulti fis-Sirja jew lejn pajjiżi terzi, inklużi l-Iraq u t-Turkija, irid jibqa’ soġġett għal arranġamenti effettivi ta’ kustodja, monitoraġġ u kondiviżjoni ta’ informazzjoni, inkluż fi kwalunkwe trasferiment transfruntier, biex jinżammu milli jaħarbu jew jiċċaqalqu b’mod mhux immonitorjat, u li l-obbligu ta’ rendikont irid jiġi żgurat permezz tal-preservazzjoni tal-evidenza u permezz tal-prosekuzzjoni, f’konformità mal-istandards internazzjonali u l-garanziji ta’ proċess ġust; iwissi li t-trasferimenti u r-ripatrijazzjonijiet mingħajr salvagwardji effettivi u segwitu ġudizzjarju jikkostitwixxu riskju għas-sigurtà tas-Sirja, tar-reġjun usa’ u tal-Ewropa; jistieden lill-koalizzjoni internazzjonali, inklużi l-Istati Uniti, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex itaffu dan ir-riskju għas-sigurtà mingħajr dewmien u jitlob lill-UE tipprovdi l-appoġġ meħtieġ għal dan l-għan;
</ACTION><ACTION>
<NO.P>8.</NO.P>Jisħaq li l-preżenza kontinwa ta’ ċittadini tal-UE fost id-detenuti Da’esh tqiegħed responsabbiltà diretta f’idejn l-Istati Membri, u l-falliment biex tiġi indirizzata l-kwistjoni jimmina kemm is-sigurtà reġjonali kif ukoll dik Ewropea;
</ACTION><ACTION>
<NO.P>9.</NO.P>Jieħu nota tal-konferenza internazzjonali tal-Koalizzjoni Globali kontra d-Da’esh f’Riyadh, li laqqgħet flimkien atturi internazzjonali u reġjonali rilevanti biex jindirizzaw is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Grigal tas-Sirja; jiddispjaċih dwar l-avviż tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti li se ttemm l-Operazzjoni Inherent Resolve u li se tirtira t-truppi tal-Istati Uniti mis-Sirja u mill-Iraq; jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-pajjiżi tal-istess fehma jżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra kwalunkwe qawmien mill-ġdid tad-Da’esh, li jhedded is-sigurtà tas-Sirja, tar-reġjun u tal-Ewropa; jilqa’ l-impenn imġedded tal-Gvern Sirjan biex jiġġieled kontra t-terroriżmu fil-qafas tal-Koalizzjoni Globali kontra d-Da’esh u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ifittxu koordinazzjoni u kooperazzjoni militari u ta’ intelligence mill-qrib mas-sħab internazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-ġbir tal-intelligence tagħhom fir-rigward tal-attivitajiet tad-Da’esh fis-Sirja u l-Levante usa’ u jassistu lill-awtoritajiet Sirjani fl-isforzi tagħhom biex iżarmaw in-networks eżistenti u jipprevjenu lill-ġellieda milli jerġgħu jingħaqdu; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu azzjoni konkreta sabiex jiżguraw il-ġestjoni fit-tul tad-detenuti Da’esh u l-kampijiet relatati;
</ACTION><ACTION>
<NO.P>10.</NO.P>Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jirripatrijaw liċ-ċittadini kollha tagħhom, speċjalment lit-tfal, mill-kampijiet ta’ al-Hol u al-Roj u jressqu lill-adulti quddiem il-ġustizzja fi proċessi ġusti; jenfasizza li valutazzjoni tar-riskju robusta u appoġġ għar-riintegrazzjoni huma elementi importanti ta’ kwalunkwe proċess ta’ ripatrijazzjoni; jistieden lill-Gvern Sirjan jagħmel l-almu tiegħu biex jiggarantixxi kontroll effettiv u effiċjenti tal-kampijiet u joqgħod lura milli jieħu kwalunkwe azzjoni li tista’ tħeġġeġ lill-ġellieda Da’esh li fadal; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ protezzjoni msaħħa għan-nisa, inkluż aċċess umanitarju sikur u servizzi sensittivi għall-ġeneru;
</ACTION><ACTION>
<NO.P>11.</NO.P>Ifakkar fil-kontribut deċiżiv tal-forzi Kurdi fil-ġlieda kontra d-Da’esh, inkluż ir-rwol tal-kumbattenti nisa, u jfaħħar il-kooperazzjoni eċċellenti tagħhom mal-koalizzjoni internazzjonali fil-ġlieda tal-UE kontra t-terrur imwettaq mid-Da’esh u t-theddida li nħolqot għall-Ewropa, għall-poplu tagħha u għall-bliet kapitali tagħha; ifakkar u jfaħħar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-għadd kbir ta’ nisa Kurdi li mexxew b’kuraġġ il-ġlieda kontra d-Da’esh u li ġew imġiegħla jsofru brutalitajiet inkomprensibbli min-naħa tad-Da’esh; jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jinvestigaw id-delitti atroċi mwettqa mid-Da’esh, b’mod partikolari kontra l-komunità Yazidi; jissottolinja li l-istabbiltà dejjiema fis-Sirja tirrikjedi r-rikonoxximent tas-sagrifiċċji tal-komunità Kurda, it-tħassib leġittimu tagħha dwar is-sigurtà u r-rappreżentanza politika tagħha, inklużi salvagwardji għad-drittijiet tan-nisa u l-parteċipazzjoni sinifikattiva tan-nisa fil-ħajja pubblika;
</ACTION><ACTION>
<NO.P>12.</NO.P>Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani jintensifikaw l-isforzi biex jinkludu l-komponenti kollha tas-soċjetà Sirjana fit-teħid tad-deċiżjonijiet;
</ACTION><ACTION>
<NO.P>13.</NO.P>Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi diplomatiċi mmirati lejn it-tnaqqis tat-tensjoni, il-protezzjoni taċ-ċivili u l-bini tal-fiduċja fis-Sirja u fir-reġjun tal-Grigal tagħha;
</ACTION><ACTION>
<NO.P>14.</NO.P>Ifakkar fir-rwol tal-UE bħala waħda mill-akbar donaturi tal-għajnuna umanitarja lill-popolazzjoni Sirjana; jilqa’ l-pakkett ta’ appoġġ finanzjarju tal-Kummissjoni ta’ madwar EUR 620 miljun għall-2026 u l-2027 u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsostnu l-assistenza umanitarja u l-appoġġ għall-irkupru bikri fil-Grigal tas-Sirja, b’enfasi partikolari fuq il-protezzjoni taċ-ċivili, ir-reżiljenza tal-komunitajiet lokali u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili Sirjana, l-organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u l-inizjattivi lokali għall-bini tal-paċi; jisħaq fuq l-importanza ta’ finanzjament umanitarju prevedibbli u pluriennali għas-Sirja sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-assistenza li ssalva l-ħajjiet u biex ikunu jistgħu jitwettqu attivitajiet ta’ rkupru bikri; jissottolinja l-importanza li jiġi applikat approċċ ta’ rabta bejn l-aspett umanitarju, l-iżvilupp u l-paċi fis-Sirja; jafferma mill-ġdid li l-appoġġ tal-UE u s-sospensjoni tas-sanzjonijiet huma kundizzjonali u riversibbli;
</ACTION><ACTION>
<NO.P>15.</NO.P>Jistieden lill-Kummissjoni tadotta strateġija awtonoma dwar is-Sirja u tiżgura li s-soċjetà ċivili Sirjana u l-komunitajiet tad-dijaspora jiġu kkonsultati b’mod sinifikattiv;
</ACTION><ACTION>
<NO.P>16.</NO.P>Jisħaq li kwalunkwe impenn mal-awtoritajiet Sirjani jrid jitwettaq bil-kundizzjoni li jsir progress tanġibbli u verifikabbli fil-qasam tal-protezzjoni taċ-ċivili u r-rispett għall-arranġamenti tal-waqfien mill-ġlied, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi;
</ACTION><ACTION>
<NO.P>17.</NO.P>Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lin-Nazzjonijiet Uniti, u lill-atturi Sirjani u reġjonali rilevanti, u jitlob li din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta għall-Għarbi u l-Kurd.
</ACTION></ACTLST></DISPOSITIF></TEXT></RESOL></TXTLST></SDOCTA>